X'inhi l-promozzjoni tas-saħħa fuq il-post tax-xogħol?

Employer

3: Postijiet tax-xogħol li jippromwovu s-saħħa

X'inhi l-promozzjoni tas-saħħa fuq il-post tax-xogħol?

Min iħaddem għandu doveri legali varji b'relazzjoni mal-immaniġjar tas-sigurtà u s-saħħa (ara tema 2). Il-promozzjoni tas-saħħa tikkumplimenta dawn ir-rekwiżiti legali, u tiffoka fuq għadd ta' fatturi li mhumiex neċessarjament koperti mil-leġiżlazzjoni tas-saħħa u s-sigurtà okkupazzjonali.

In-Netwerk Ewropew għall-Promozzjoni tas-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol iddefinixxa l-promozzjoni tas-saħħa fuq il-post tax-xogħol bħala l-isforzi kkombinati ta’ min iħaddem, l-impjegati u s-soċjetà biex itejbu s-saħħa u l-benesseri tan-nies fuq il-post tax-xogħol. Dan iqiegħed enfasi partikolari fuq it-titjib tal-organizzazzjoni tax-xogħol u l-ambjent fuq il-post tax-xogħol, żieda ta' parteċipazzjoni tal-ħaddiema fl-iffurmar tal-ambjent tax-xogħol, u inkoraġġiment tal-ħiliet personali u l-iżvilupp professjonali. 

B'mod ġenerali, il-promozzjoni tas-saħħa fuq il-post tax-xogħol tiffoka fuq kwistjonijiet bħal:

  • Edukazzjoni u taħriġ dwar is-saħħa;
  • Bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata (netwerk soċjali, benesseri tal-familja, kundizzjonijiet tal-ivvjaġġar lejn u mix-xogħol);
  • L-istress u l-benesseri mentali; u
  • Stil ta' ħajja (nutrizzjoni, attività fiżika, tabakk u alkoħol).

Ir-rwol ta’ min iħaddem

Min iħaddem għandu rwol ewlieni biex jiżgura li l-miżuri tal-promozzjoni tas-saħħa fuq il-post tax-xogħol jirnexxu billi:

  • Juri impenn u jipprovdi appoġġ sħiħ, kif ukoll involviment viżibbli;
  • Jintegra l-programm fil-proċessi u l-policies tal-organizzazzjoni bħala komponent permanenti; u
  • Jħeġġeġ l-involviment attiv u l-parteċipazzjoni tal-ħaddiema fl-ippjanar u l-implimentazzjoni tal-miżuri.

L-integrazzjoni tas-saħħa u s-sigurtà okkupazzjonali u l-promozzjoni tas-saħħa fuq il-post tax-xogħol

Tradizzjonalment, is-saħħa u s-sigurtà okkupazzjonali u l-promozzjoni tas-saħħa fuq il-post tax-xogħol kienu meqjusa bħala żewġ entitajiet differenti, fejn il-promozzjoni tas-saħħa fuq il-post tax-xogħol kienet tiffoka primarjament fuq stil ta' ħajja san u l-imġiba tal-ħaddiema rigward is-saħħa. Maż-żmien, l-ambitu tal-promozzjoni tas-saħħa fuq il-post tax-xogħol twessa' biex jinkludi l-benesseri fiżiku u mentali u kwistjonijiet organizzazzjonali tax-xogħol, u t-trikkib bejn iż-żewġ entitajiet issa sar akbar.

L-evidenza xjentifika u l-esperjenza prattika tindika li prassi u policies komprensivi li jindirizzaw iż-żewġ entitajiet, l-ambjent tax-xogħol (fiżiku u organizzazzjonali) u r-riskji tas-saħħa personali tal-individwi fl-istess ħin, huma aktar effettivi għall-prevenzjoni ta' mard u l-promozzjoni tas-saħħa u s-sigurtà.  

Il-benefiċċji tal-promozzjoni tas-saħħa fuq il-post tax-xogħol (it-taqsima li jmiss).