Reklutaġġ, żvilupp ta' karriera u riallokazzjoni

HR Manager

2: Postijiet tax-xogħol sani għall-etajiet kollha

Reklutaġġ, żvilupp ta' karriera u riallokazzjoni

Reklutaġġ

Prassi tajba tal-immaniġjar tal-età fir-reklutaġġ tfisser li jiġi żgurat li ħaddiema aktar anzjani għandhom aċċess ugwali għall-impjiegi disponibbli u li ma ssirx diskriminazzjoni kontra applikanti potenzjali direttament jew indirettament. Meta jinkludu d-diversità tal-età fl-istrateġija tar-reklutaġġ tagħhom, l-organizzazzjonijiet jistgħu jieħdu vantaġġ sħiħ mill-opportunitajiet biex jagħżlu individwi b'talenti speċifiċi, esperjenza u perspettivi minn gruppi ta' etajiet diversi. Suq tax-xogħol b'bilanċ ta' żgħożija u maturità (kif ukoll sess u etniċità) jista' jirrispondi sew għal ambjent kummerċjali li qed jinbidel malajr u aktar kompetizzjoni.

Id-diversità tal-età fir-reklutaġġ għandha l-benefiċċji li ġejjin:

  • Aċċess għal ġabra akbar ta' talent: Meta r-reklutaġġ u s-selezzjoni jkunu bbażati fuq kriterji ta' objettivi u mertu, l-organizzazzjonijiet jistgħu jfittxu ġabra usa' ta' kandidati.
  • Aktar adattabbiltà: Fis-suq globali tal-lum, l-organizzazzjonijiet b'ħaddiema fis-suq tax-xogħol differenti minn xulxin jkunu mgħammra aħjar biex jimmaniġġjaw l-isfidi kummerċjali u l-kundizzjonijiet ekonomiċi li qed jinbidlu.
  • Kondiviżjoni tal-għarfien: L-interazzjoni bejn persuni ta' ġenerazzjonijiet, sfondi u esperjenzi differenti jiffaċilitaw il-kondiviżjoni tal-għarfien, aktar innovazzjoni u motivazzjoni.
  • Adattabbiltà aħjar għal diversità ta' klijenti: b'mod partikolari b'relazzjoni mal-ħtiġijiet ta' popolazzjoni li qed tikber fl-età. 

Żvilupp tal-karriera

Prassi tajba fl-iżvilupp tal-karriera tfisser li ħaddiema tal-etajiet kollha, inklużi ħaddiema aktar anzjani, jingħataw opportunitajiet tal-iżvilupp tal-karriera (mhux biss b'mod ġerarkiku). L-iżvilupp tal-karriera huwa marbut mill-qrib mal-iżvilupp professjonali, taħriġ u żvilupp ta' ħiliet, u fl-aħjar każ, it-taħriġ u l-iżvilupp tal-ħiliet huma integrati fl-ippjanar tal-karriera. Tista' ssib aktar informazzjoni dwar taħriġ u l-iżvilupp ta' ħiliet hawn (it-taqsima li jmiss).

L-iżvilupp u l-ippjanar tal-karriera huwa ta' importanza partikolari għal impjiegi li jinvolvu xogħol fiżiku u mentali tqil fejn il-ħaddiema forsi ma jkunux jistgħu jkomplu sal-età tal-irtirar. Punt ċentrali għall-iżvilupp tal-karriera ta' kwalunkwe ħaddiem huwa li jwettqu kompiti tax-xogħol li jużaw l-esperjenza u l-għarfien tagħhom.

Eżempji ta' kif l-organizzazzjonijiet jistgħu jippromwovu l-iżvilupp tal-karriera għal ħaddiema aktar anzjani huma: 

  • L-iżvilupp ta' policies u prassi speċifiċi li jippromwovu l-iżvilupp tal-karriera ta' ħaddiema aktar anzjani. Dan jista' jirriżulta fi promozzjoni, filwaqt li f'każijiet oħra dan jista' jwassal għal ċaqliq f'impjieg differenti iżda xieraq (riallokazzjoni). It-tnejn jistgħu jkunu importanti għaż-żamma ta' ħaddiema aktar anzjani, u t-titjib tal-motivazzjoni u l-prestazzjoni tagħhom.
  • Il-provvediment ta' opportunitajiet biex jiddiskutu żviluppi gradwali fil-karriera u għanijiet tal-karriera, u jgħinu biex jimmotivaw ħaddiema aktar anzjani biex jagħmlu pjanijiet għal bidliet fil-karriera. It-tqabbil ta' dawn mat-taħriġ rilevanti tal-ħiliet jista' jgħin biex jimtlew distakki fil-ħiliet, filwaqt li jinżammu impjegati siewja. 

Rotazzjoni tal-impjiegi u riallokazzjoni

Ir-rotazzjoni tal-impjiegi hija teknika ta' tfassil ta' impjiegi fejn il-ħaddiema jitmexxew bejn żewġ impjiegi jew aktar b'mod ippjanat f'intervalli regolari. Ir-rotazzjoni tal-impjiegi, jekk ippjanata sew, hija ta' benefiċċju għall-ħaddiema u l-organizzazzjoni.

L-objettivi u/jew il-benefiċċji tar-rotazzjoni tal-impjiegi jinkludu: 

  • L-espożizzjoni tal-ħaddiema għal esperjenzi differenti u varjetà wiesgħa ta' ħiliet biex jittejbu s-sodisfazzjon u l-motivazzjoni tal-impjieg, kif ukoll produttività; 
  • L-iżvilupp ta' ħiliet u kompetenzi differenti, biex il-ħaddiema jitħarrġu f'diversi ħiliet u jtejbu l-

    L-impjegabbiltà tista' tiġi ddefinita bħala "l-kwalità li persuna tista' tiġi impjegata" jew il-"kombinazzjoni ta' fatturi li jippermettu l-aċċess għax-xogħol, il-kapaċità li dan jinżamm u li persuna tipprogredixxi fil-karriera tagħha".

    tagħhom;
  • Faċilitazzjoni ta' ppjanar għas-suċċessjoni;
  • Tnaqqis ta' piż tax-xogħol u minimizzar tal-effetti ta' kompiti tax-xogħol stressanti, monotoni jew ripetittivi; u
  • Tnaqqis ta' stress, strapazz, u għeja fiżika ta' sett partikolari ta' muskoli u għeruq, u konsegwentement inċidenti u severità ta' MSD.

Ir-rotazzjoni tal-impjiegi waħedha ma teliminax il-fatturi tar-riskju preżenti fuq il-post tax-xogħol; tiddistribwixxi biss l-espożizzjoni tal-perikli b'mod aktar bilanċjat fi grupp akbar ta' nies. Huwa importani li niftakru li perikli u riskji identifikati permezz ta' assessjar tar-riskji għandhom jiġu eliminati jew minimizzati mill-ewwel. 

L-elementi li ġejjin għandhom jiġu kkunsidrati meta jkun qed jiġi żviluppat programm ta' rotazzjoni tal-impjiegi u riallokazzjoni:

  • Tinħoloq rabta bejn ir-rotazzjoni tal-impjiegi u r-riallokazzjoni mal-immaniġjar tas-sigurtà u s-saħħa;
  • Integrazzjoni tar-rotazzjoni tal-impjiegi mat-taħriġ u l-iżvilupp tal-karriera;
  • Involviment tal-ħaddiema fl-ippjanar u l-iżvilupp ta' programmi ta' rotazzjoni tal-impjiegi; u
  • Il-provvediment ta' taħriġ meta meħtieġ.