Fatturi ta' suċċess marbuta mal-promozzjoni tas-saħħa fuq il-post tax-xogħol

HR Manager

3: Postijiet tax-xogħol li jippromwovu s-saħħa

Fatturi ta' suċċess marbuta mal-promozzjoni tas-saħħa fuq il-post tax-xogħol

Involviment tal-maniġment

Programm tal-promozzjoni tas-saħħa fuq il-post tax-xogħol jirnexxi l-aktar meta għandu l-appoġġ sħiħ tal-maniġment, u dan jiżgura li jiġi integrat fil-policy tal-kumpanija u allokat biżżejjed riżorsi finanzjarji u materjali. Barra dan, l-involviment tal-maniġment meta jkun hemm bżonnu, għandu jkun viżibbli u għandha tiġi pprovduta tmexxija personali permezz ta' mġiba eżemplari—pereżempju, jieħdu sehem fi programmi, jaqsmu sfidi personali tas-saħħa u strateġiji biex iwieġbu għalihom, eċċ. 

L-integrazzjoni tas-saħħa u s-sigurtà okkupazzjonali u l-promozzjoni tas-saħħa fuq il-post tax-xogħol

Tradizzjonalment, is-saħħa u s-sigurtà okkupazzjonali u l-promozzjoni tas-saħħa fuq il-post tax-xogħol kienu meqjusa bħala sferi differenti, fejn il-promozzjoni tas-saħħa fuq il-post tax-xogħol kienet tiffoka primarjament fuq stil ta' ħajja san u l-imġiba tal-ħaddiema rigward is-saħħa. Maż-żmien, l-ambitu tal-promozzjoni tas-saħħa fuq il-post tax-xogħol twessa' biex jinkludi l-benesseri fiżiku u mentali u kwistjonijiet organizzazzjonali tax-xogħol, u t-trikkib bejn iż-żewġ sferi, is-saħħa u s-sigurtà okkupazzjonali u l-promozzjoni tas-saħħa fuq il-post tax-xogħol, issa sar akbar.

L-evidenza xjentifika u l-esperjenza prattika tindika li prassi u policies komprensivi li jindirizzaw iż-żewġ sferi, l-ambjent tax-xogħol (fiżiku u organizzazzjonali) u r-riskji tas-saħħa personali tal-individwi fl-istess ħin, huma aktar effettivi għall-prevenzjoni ta' mard u l-promozzjoni tas-saħħa u s-sigurtà.  

Elementi ewlenin ta' programm ta' promozzjoni tas-saħħa fuq il-post tax-xogħol (WHP)

PREPARAZZJONI

  • Waqqaf grupp ta' ħidma biex jieħu responsabbiltà għall-WHP. Jekk possibbli, il-grupp għandu jinkludi lil xi ħadd mill-ogħla livell ta’ maniġment , staff, Riżorsi Umani u professjonista tas-saħħa u s-sigurtà okkupazzjonali;    
  • Ikkomunika u interaġixxi ma' kulħadd dwar il-WHP. Ħeġġeġ lin-nies biex jitkellmu dwarha - uża metodi differenti (bħal gruppi ta' ħidma jew posters) u ffoka fuq il-benefiċċji; u 
  • Ikkoordina ma' strutturi eżistenti tas-saħħa u s-sigurtà okkupazzjonali: Il-WHP hija effettiva l-aktar meta tikkumplimenta miżuri tas-saħħa u s-sigurtà eżistenti.

IPPJANAR 

  • Evalwa l-ħtiġijiet u l-aspettattivi tal-ħaddiema permezz ta' għodod tal-analiżi bħal servejs u billi tistaqsi lill-ħaddiema stess waqt il-focus groups;
  • Issettja għanijiet ċari li jaqblu mal-policy u l-viżjoni tal-kumpanija;
  • Implimenta programm ikkoordinat, aktar milli tħaddem bosta inizjattivi żgħar;
  • Involvi organizzazzjonijiet intermedjarji, jekk meħtieġ, bħal fornituri mediċi, kumpaniji tal-assigurazzjoni tas-saħħa jew klabbs sportivi; u
  • Indirizza d-diversità fost il-ħaddiema: Ħaddiema differenti jiġu mmotivati b'affarijiet differenti - ikkunsidra kif dan jista' jaffettwa r-reklutaġġ u l-parteċipazzjoni.

IMPLIMENTAZZJONI

  • Aċċerta li mill-ogħla livell ta’ maniġment ikollok appoġġ li jidher biex ittejjeb l-impenn u l-parteċipazzjoni;
  • Involvi lill-ħaddiema mill-aktar fis possibbli u uża inċentivi għall-parteċipazzjoni; u 
  • Adatta informazzjoni u materjal għall-udjenza li qed timmira għaliha. 

EVALWAZZJONI 

  • Analizza l-impatt fuq is-sodisfazzjon tal-persunal u l-kumpanija b'mod ġenerali;
  • Evalwa l-benefiċċji finanzjarji: indikaturi sodi (pereż. rati ta' assenteiżmu mnaqqsin) jew indikaturi aktar dgħajfa (pereż. l-impatt ta' relazzjonijiet tax-xogħol aħjar fuq il-produttività);
  • Ikkomunika r-riżultati u informa lin-nies dwar is-suċċessi; u
  • Iċċekkja u tejjeb: Il-WHP hija proċess kontinwu.

Hawn (link għal prassi tajba) tista' ssib xi eżempji ta' programmi tal-promozzjoni tas-saħħa fuq il-post tax-xogħol li ġew żviluppati u implimentati minn organizzazzjonijiet differenti.