2: Postijiet tax-xogħol ħielsa mill-periklu għall-etajiet kollha

2
Postijiet tax-xogħol ħielsa mill-periklu għall-etajiet kollha

L-anzjanità u s-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol

Dritt għal ambjent tax-xogħol sigur u b'livell ta' saħħa tajba

IHuwa d-dritt tiegħek li tkun tista' taħdem f'post tax-xogħol sigur u b'livell ta' saħħa tajba mingħajr ebda diskriminazzjoni kontrik minħabba l-età, is-sess jew id- diżabbiltà tiegħek (aqra aktar). Min iħaddmek għandu l-obbligu legali li jevalwa r-riskji tas-saħħa u s-sigurtà u jekk meħtieġ jadatta x-xogħol għall-individwu, waqt li jqis il-kapaċitajiet tiegħu li jkunu qed jinbidlu. 

Dan ifisser li xi bidliet fil-kapaċità funzjonali li huma relatati mal-anzjanità jeħtieġ li jitqiesu fl-assessjar tar-riskji u jiġu indirizzati permezz ta' miżuri korrettivi fuq il-post tax-xogħol. 

L-iStrateġija Nazzjonali dwar l-Anzjanitá Attiva, mnedija mill-Gvern Malti fl-2013, applikabbli mill-2014 sal-2020, tipproponi ambjenti tax-xogħol li jassiguraw impjegabbiltà għall-ħaddiema għal tul ħajjithom, aċċess ekwu għal taħriġ, sistemi ta’ taħriġ xierqa għal kull età, sistemi ta’ xogħol individwali u flessibbli, rosters ta’ xiftijiet li jagħtu kas l-età tal-ħaddiema involuti kif ukoll sapport okkupazzjonali minn maniġment informat kif suppost. L-iStrateġija tenfasizza li s-servizzi ta’ guidance li jeżistu għall-ħaddiema akbar fl-età għandhom tendenza li jkunu mfarrdin u sporadiċi. L-iStrateġija għall-Anzjanità Attiva, tidentifika wkoll li hemm vojt fejn jidħlu s-servizzi għall-persuni li l-età tagħhom taqbeż l-età ta’ rtirar statutorja li jixtiequ jerġgħu jirritornaw għax-xogħol jew inkella jimpjegaw ruħhom bħala self employed. Hemm ukoll mankanza ta’ tagħrif fejn għandu x’jaqsam tnaqqis ippjanat ta’ ħinijiet tax-xogħol, minflok tranżizzjoni netta minn ħaddiem attiv għal wieħed irtirat

L-anzjanità u l-assessjari tar-riskji

Il-perikli li ġejjin, fost oħrajn, jeħtieġu kunsidrazzjoni speċifika minħabba bidliet relatati mal-età fil-kapaċitajiet funzjonali:

  • Perikli ergonomiċi, bħal movimenti ripetittivi, tqandil manwali, qagħda ħażina u skomda, qagħda statika; 
  • Xogħol bix-xift
  • Ambjenti tax-xogħol sħan, kesħin jew storbjużi, vibrazzjoni; u
  • Xogħol fil-għoli. 

Tgħallem aktar dwar l-assessjar tar-riskji hawn.

Abbażi tar-riżultati tal-assessjar tar-riskji, jistgħu jkunu meħtieġa adattamenti fil-post tax-xogħol sabiex l-esiġenzi tax-xogħol jaqblu aħjar mal-kapaċitajiet li qed jinbidlu u l-istatus tas-saħħa.

Eżempji ta' adattamenti jinkludu:

  • L-adattament ta' tagħmir eżistenti jew il-forniment ta' tagħmir ġdid biex jiġu eliminati jew jitnaqqsu t-tqandil manwali, il-movimenti ripetittivi u qawwijin, qagħda ħażina;
  • Il-forniment ta’ stazzjonijiet tax-xogħol aġġustabbli biex ikunu adatti għall-utenti kollha tal-etajiet kollha li joperawhom;
  • It-tibdil tal-kompiti regolarment (rotazzjoni tal-kompiti);
  • L-awtomizzazzjoni ta' kompiti ta' rutina jew monotoni;
  • It-tibdil tal-iskedi tax-xifts; u
  • L-aġġustament tal-illuminazzjoni.

Hawn (modulu ta' professjonista tas-saħħa u s-sigurtà okkupazzjonali) tista' taqra aktar dwar bidliet relatati mal-età li jistgħu jħallu impatt fuq il-kapaċitajiet funzjonali ta' ħaddiem u kif dan jista' jiġi indirizzat fuq il-post tax-xogħol.

Kif nista' ngħin noħloq posta tax-xogħol sigur u b'livell ta' saħħa tajba? (It-taqsima li jmiss)